Mattia Preti (1613 -1699)

Mattia Preti kien artist Taljan prominenti tal-istil Barokk li ppredomina matul it-tieni nofs tas-seklu sbatax. Il-kontribut artistiku li ta Mattia Preti lill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann huwa notevoli għaliex pitter diversi ankoni u anke x-xogħol artistiku prinċipali tiegħu li juri xeni mill-ħajja ta’ San Ġwann il-Battista fuq il-ħnejjiet tas-saqaf tal-knisja.

Preti twieled f’Taverna, belt fil-Calabria u ta’ spiss kienu jirreferu għalih bħala Il Cavalier Calabrese (il-Kavallier ta’ Calabria) wara li ġie Malta u ngħata l-investitura ta’ kavallier. Preti għadda l-parti l-kbira ta’ ħajtu f’Malta. Huwa miet fl-1699 u jinsab midfun hawnhekk f’San Ġwann.

Sal-1630 Preti kien Ruma u jingħad li l-apprendistat bikri tiegħu kien ma’ Caravaggisti li jista’ jispjega għalfejn wera interess fl-istil ta’ Caravaggio matul ħajtu kollha. Waqt li kien f’Ruma huwa kien influwenzat minn firxa wiesgħa ta’ artisti mill-istil klassiku ta’ Guido Reni għall-istil altament drammatiku ta’ Peter Paul Rubens. Ix-xogħlijiet importanti tiegħu f’Ruma jinkludu ċ-ċiklu tal-affreski fil-knisja ta’ Sant’Andrea della Valle. Bejn l-1644 u l-1646 Preti vvjaġġa lejn Venezja fejn kellu l-opportunità josserva l-istil grandjuż Venezjan ta’ artisti bħal Veronese.

Huwa baqa’ jmur Ruma għal perjodi qosra sal-1661 u pitter affreski għal diversi knejjes oħra. Preti imbagħad reġa’ ċċaqlaq u bejn l-1656 u l-1660 għadda ħafna żmien f’Napli. Hawnhekk, kien influwenzat minn uħud mill-aqwa artisti kontemporanji Naplitani u pitturi kbar t’affreski ‘ex-voto’ tal-pesta li kienet ħakmet lill-belt. Dawn kienu tpinġew fuq seba’ daħliet tal-belt, imma ntilfu matul is-snin. Il-pitturi kienu juru lill-Immakulata Kunċizzjoni jew qaddisin qed jeħilsu lin-nies mill-pesta. Żewġ disinji jinsabu fil-Mużew Capodimonte f’Napli. Waqt li kien Napli Preti tqabbad ipitter ir-ritratt ta’ San Franġisk Saverju mill-Gran Mastru Martin de Redin għall-kappella tal-Lingwa ta’ Aragona.

Fl-1659, Preti ġie Malta probabbilment għaliex inġibed mill-appoġġ li sab mill-Kavallieri tal-Ordni. Il-Gran Mastru sussegwenti, Raphael Cotoner aċċetta l-offerta ta’ Preti biex jiddekora il-ħnejjiet kollha tas-saqaf tal-knisja b’xeni mill-ħajja ta’ San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni. Konsegwentement Preti ġie mlaħħaq Kavallier tal-Grazzja. Kien ukoll perit kapaċi, responsabbli għad-disinn tal-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana.