Michelangelo Merisi da Caravaggio (1571 – 1610)

Imwieled f’Milan f’Settembru tal-1571, l-artist Michelangelo Merisi, magħruf aħjar bħala Caravaggio, huwa meqjus fost l-aktar artisti influwenti fl-istorja tal-arti. Il-pitturi tiegħu żewġu forma ġdida ta’ osservazzjoni realistika tal-istat uman, kemm dak fiżiku u dak emozzjonali, mal-użu teatrali tad-dawl li ta karattru drammatiku lix-xogħlijiet tiegħu. Kien artist ribelluż tipiku li għex ħajja turbolenti. F’Mejju tal-1601, waqt li kien qed jaħdem u jagħmel suċċess ġewwa Ruma, waħda mill-ħafna ġlidiet li kien involut fihom wasslet biex Caravaggio qatel raġel bl-isem ta’ Ranuccio Tomassoni waqt dwell. Il-Papa malajr ħareġ ‘bando capitale’ kontrih. Peress li beża’ li jinqatel, Caravaggio ħarab lejn Napli, il-barra mil-ġurisdizzjoni ta’ Ruma. Wara ftit xhur biss, minkejja perjodu ta’ suċċess f’Napli, fejn ingħata numru ta’ xogħlijiet importanti fil-knejjes, Caravaggio telaq lejn Malta, il-kwartieri ġenerali tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, u wasal fil-gżira abbord bastiment tal-Ordni fit-12 ta’ Lulju tal-1607. Caravaggio kien sab min jagħmillu kuraġġ biex jivvjaġġa lejn Malta għaliex l-Ordni kienet qed tfittex pittur. Fl-14 ta’ Lulju tal-1608, wara li kien ilu sena fil-gżira, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt, aċċetta lil Caravaggio fi ħdan l-Ordni bħala Kavallier tal-Ubbidjenza.

Hemm dokumenti li juru kif il-Gran Mastru kien jaf bir-reat faħxi li wettaq Caravaggio, u dan suppost kellu jxekkel lill-artist milli jissieħeb mal-Ordni. Madankollu, l-Gran Mastru, ġab permess uniku mingħand il-Papa biex jaċċetta lill-artist fi ħdan l-Ordni. Waqt li kien Malta, Caravaggio pitter ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann’ u ‘San Ġlormu qed Jikteb’, li t-tnejn li huma jinsabu miżmuma fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Waqt li għex f’Malta, Caravaggio pitter ukoll ‘Kupidu Rieqed’ u ‘Ritratt ta’ Kavallier ta’ Malta’ (Fra Antonio Martelli) li t-tnejn li huma llum jinsabu esebiti fil-Pitti, Firenze, u ‘Ritratt tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt ma’ Paġġ’, li jinsab għall-wiri fil-Louvre, Pariġi.

Dan il-perijodu ta’ kalma f’ħajtu kien wieħed qasir, u sal-aħħar ta’ Awwissu tal-1608 Caravaggio kien reġa’ daħal fl-inkwiet, din id-darba billi għamel ħsara fid-dar ta’ Fra Prospero Coppini, l-organista tal-knisja ta’ San Ġwann u billi fera lill-Kavallier tal-Ġustizzja, Fra Giovanni Rodomonte Roero, Conte della Vezza. Ġie arrestat u mitfugħ fil-ħabs ta’ Forti Sant’Anġlu. Diżonorat u ma jistax ipitter, Caravaggio ma qgħadx jistenna l-ġuri tiegħu, u minflok ħarab mill-forti u ħarab minn Malta. F’laqgħa tal-Assemblea Pubblika li saret fl-Oratorju tal-Knisja ta’ San Ġwann fl-1 ta’ Diċembru tal-1608, Caravaggio, quddiem il-kapulavur tiegħu, ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista’ “tkeċċa u tqaċċat [mill-Ordni] bħal riġel marid u mħassar”.

San Ġlormu qed Jikteb

Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista