Tagħrif għall-Viżitaturi – Ħinijiet tal-ftuħ u prezzijiet

Ħinijiet tal-Ftuħ

  • Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: mid-09:30 sal-16:30 (l-aħħar dħul fl-16.00)
  • Is-Sibt: mid-09:30 san-12:30 (l-aħħar dħul f’12.00)
  • Magħluqin fil-Ħdud u l-Festi Pubbliċi

Prezz tad-Dħul

  • Adulti: €10.00
  • Anzjani: €7.50
  • Tfal taħt it-12-il sena: B’xejn (meta akkumpanjati minn adult)
  • Studenti: €7.50

Gwidi awdjo-viżivi b’xejn

Il-prezz tad-dħul jinkludi gwidi awdjoviżivi li jinġarru fl-idejn b’24 waqfa, li huma disponibbli għall-viżitaturi fil-lingwi li ġejjin (il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż l-Ispanjol, il-Ġappuniż u r-Russu). Il-viżitaturi kollha jistgħu jużaw dawn il-gwidi mingħajr ħlas.

Aċċess għal Persuni b’Diżabbiltà

L-aċċess għall-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa pprovdut għal utenti ta’ siġġijiet bir-roti u viżitaturi bi problemi ta’ mobilità, għalkemm l-aċċess għal ċerti żoni huwa ristrett. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ikkuntattjana.

Il-Ħanut tal-Kotba

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħanut tal-kotba, li hu armat tajjeb ħafna, huma l-istess bħal-ħinijiet tal-ftuħ għall-viżitaturi tal-Konkatidral kif jidhru hawn fuq. Il-ħanut għandu varjetà wiesa’ ta’ kotba marbutin mal-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-istorja ta’ Malta, il-Kavallieri ta’ Malta u l-arti, kif ukoll kotba bħala gwida turistika għal San Ġwann u l-Gżejjer Maltin b’mod ġenerali. Il-ħanut ibiegħ ukoll DVDs, kartolini, suvenirs, posters, CDs b’mużika sagra u mapep.

Jekk jogħoġbok innota li:

  • Dan huwa post ta’ qima.
  • Jekk jogħġbok idħol liebes b’mod diċenti.
  • Fl-entratura hemm provduti wkoll ix-xalel.
  • Tkaken dojoq mhumiex permessi. Papoċċi ċatti huma pprovduti.
  • Handbags u basktijiet għandhom jinżammu fuq quddiem tal-persuna jew fl-idejn.
  • Jistgħu jittieħdu ritratti, però l-użu tal-flash u tat-tripods mhuwiex permess fil-knisja.

Għalfejn nitolbu ħlas lill-viżitaturi biex jidħlu f’San Ġwann

L-interess fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ifisser numru għoli ta’ viżitaturi iżda l-fibra delikata tal-knisja ma kinitx magħmula għal dawn il-viżitaturi kollha. L-ispejjeż amministrattivi u dawk ta’ manutenzjoni huma għoljin ħafna. Biex inkunu nistgħu insostnu l-binja u nikkonservawha bix-xogħlijiet tal-arti kollha tagħha nitolbu ħlas għad-dħul. Il-programmi ta’ konservazzjoni jiswew ħafna flus u jitwettqu kontinwament biex jikkonformaw mal-ogħla speċifikazzjonijiet sabiex il-Knisja tinżamm fil-glorja kollha tagħha. Iż-żjara u l-apprezzament tiegħek huma l-ikbar sodisfazzjon għalina.

 

Ma nitolbux ħlas għat-talb.

Jekk l-intenzjoni tiegħek hija li titlob, jekk jogħġbok informa lill-istaff fid-daħla prinċipali u jiggwidawk lejn il-kappella magħżula.

 

Għalfejn inqassmu jew nillimitaw in-numru ta’ viżitaturi

Ir-rassa jew wisq nies jistgħu jikkawżaw ħafna ħsara lill-binja u lill-opri tal-arti imprezzabbli tagħha. Dan jiġri minħabba temperaturi li jitilgħu malajr u l-livelli tal-umdità relattiva ġġenerati minn nifsijiet u s-sħana tal-ġisem fejn jinġabru ħafna nies. Apparti minn hekk, folol kbar li jidħlu fil-konkatidral fl-istess ħin jistgħu jikkawżaw grif fuq l-il-lapidi u t-tinqix delikat mal-ħitan. Il-passaġġi dojoq bejn il-kappelli kienu magħmula biex tgħaddi minnhom persuna waħda u t-turisiti li ta’ spiss jiġu fi gruppi kbar, jżidu l-konġestjoni fil-knisja li ma kinitx maħsuba biex takkomoda numru daqstant kbir ta’ viżitaturi f’daqqa.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Fondazzjoni tqassam jew tillimita n-numru ta’ viżitaturi fil-kon-Katidral fl-istess ħin. Fin-nava ewlenija, dan jiddependi mid-daqs tal-gruppi, flimkien man-numru ta’ viżitaturi individwali jew indipendenti, minflok ma’ numru partikolari. Mhux aktar minn 52 persuna jitħallew jidħlu fl-Oratorju f’daqqa.

Miżuri bħal dawn jitħaddmu l-aktar matul ix-xhur l-aktar popolari tas-sena. Il-Fondazzjoni tittama li inti tifhem ir-raġunijiet ta’ din il-politika u tirringrazzjak bil-quddiem għal konsiderazzjoni tiegħek.

 

Avviżi importanti

Bħalissa l-Mużew jinsab magħluq għall-proġett ta’ estensjoni u r-ridekorazzjoni.

Niskużaw ruħna għal kwalunkwe inkonvenjent.