Il-Mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann    L-Estensjoni u r-Ridekorazzjoni

Il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għandha pjanijiet għal ridekorazzjoni sħiħa u innovattiva, u l-estensjoni tal-mużew sabiex jilqa’ n-numru dejjem jikber ta’ turisti u Maltin li jixtiequ jżuruh, u speċjalment minħabba l-fatt li t-tqassim attwali tal-mużew mhux qed jesebixxi l-opri tal-arti imprezzabbli kollha fl-ambjent xieraq ta’ konservazzjoni.

Il-Fondazzjoni kienet ilha tistudja dan il-proġett għal diversi snin sabiex tkun tista’ tesebixxi l-kollezzjonijiet tagħha. Dawn jinkludu, fost oħrajn, id-disgħa u għoxrin Arazz Fjamming, il-Paramenti Sagri, il-Kollezzjoni tal-Fidda, il-Manuskritti Korali, u l-‘Cappella Ardente’. Hemm ippjanat ukoll Ċentru ddedikat għal Caravaggio li se jiffoka fuq il-ħajja u x-xogħlijiet tal-aktar artist ċelebri tal-perjodu Barokk, li l-aktar pittura prestiġjuża tiegħu, Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, issebbaħ l-Oratorju.

It-titjib propost se jagħmel l-aħjar użu tal-ispazji li bħalissa huma vojta. Se jinstab post ukoll għas-serje ta’ Arazzi Fjammingi uniċi biex jinżammu kollha flimkien f’sala waħda peress li bħalissa jinstabu mxerrdin f’diversi kmamar. Se jiġi introdott wkoll dawl adattat, kontroll tal-klima, u postijiet fejn wieħed jista’ jaqra. Id-daħla ġdida u spazjuża tal-Mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann se tipprovdi faċilitajiet aktar komdi għall-viżitaturi u aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità. L-estensjoni mhux se jkollha impatt dirett fuq il-knisja, u hija iddisinjata b’tali mod li tippermetti ħinijiet tal-ftuħ aktar flessibbli tal-Mużew. Għaldaqstant, il-kollezzjonijiet imprezzabbli se jkunu esebiti kif ukoll ikkonservati biex jiġu apprezzati mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-estensjoni tal-mużew se ttejjeb l-valur kulturali tal-Belt Valletta. Dan ser jsaħħaħ il-kunċett tat-turiżmu kulturali u għaldaqstant se jikkontribwixxi favur il-kredenzjali tal-gżejjer bħala destinazzjoni li għandha ħafna x’toffri bi preżenza kulturali qawwija. Barra minn hekk, din ir-rinnovazzjoni torbot perfettament mal-unur li l-Belt Valletta ser ikollha bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.

Artistic impression of the entrance

Artistic impression of the silver vaults

Artistic impression of the tapestry chamber

Artistic impression of the choral books chamber