Is-sett ta’ Arazzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kien rigal mogħti mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful lill-knisja wara l-ħatra tiegħu fl-1697. L-Istatut tal-Ordni kien jiddikjara li Gran Mastri li għadhom kif ġew maħtura jippreżentaw rigal lill-knisja konventwali tal-Ordni mal-ħatra tagħhom. L-arazzi huma l-ikbar sett sħiħ fid-dinja u jikkonsistu f’disgħa u għoxrin biċċa ordnati mingħand in-nissieġ Judocus de Vos fi Brussell. Is-sett kien diġa’ wasal Malta sal-1702.

L-arazzi juru t-Trijonf tal-Ewkaristija u xeni mill-ħajja ta’ Kristu. Id-disinji tal-arazzi dwar l-Ewkaristija kienu bbażati fuq il-kartuns tal-artist Fjamming Peter Paul Rubens li oriġinarjament kien għamel għall-Infanta Isabella ta’ Spanja. Ix-xeni li juru l-ħajja ta’ Kristu huma bbażati fuq kapulavuri oħra ta’ Rubens u Poussin. Erbatax-il pannell jirrappreżenta lill-Verġni Marija, lil Kristu s-Salvatur u lill-Appostli, u r-ritratt sħiħ tal-Gran Mastru Perellos jgħaqqad is-sett. L-arazzi saru biex jiddendlu mill-gwarniċun tul in-nava tal-knisja f’okkażjonijiet importanti bħall-festa ta’ San Ġwann il-Battista. L-arazzi kienu kollha minsuġa mill-aktar ħjut fini ta’ suf u ħarir u huma għoljin sitt metri. Id-dimensjonijiet kbar u l-karattru eżuberanti tad-disinji jagħmlu lil dan is-sett wieħed mill-iktar interpretazzjonijiet spettakolari tal-arti Barokka u huma l-aktar tiżjin impressjonanti fil-knisja. Is-sett ta’ arazzi kien wieħed mill-iktar rigali eċċezzjonali li rċeviet il-knisja. Dan is-sett ta’ arazzi kien espressjoni tas-supremazija tal-Knisja Kattolika u l-ġenerożita’ tal-Gran Mastru u l-Ordni.

Mhux qed jintwerew.