Paramenti Sagri

Il-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann irregalaw diversi settijiet ta’ lbies liturġiku lill-knisja konventwali tagħhom. Dawn l-paramenti kienu jintlibsu f’okkażjonijiet liturġiċi u ċerimonjali importanti.

L-inventarji tal-Ordni jirreġistraw tlettax-il sett ta’ paramenti mogħtija bħala rigali. Dawn l-ilbiesi magħmula mis-satin tal-ħarir u irrakkmati b’mod dettaljat bi ħjut tal-ħarir ikkulurit u ħjut tad-deheb u tal-fidda. Il-kulur tal-paramenti jintgħażel skont il-kalendarju liturġiku biex iżid tifsira simbolika lil-liturġija.

Is-sett irregalat mill-Gran Mastru Nicolas Cotoner huwa rrakkmat b’mod rikk b’disinji ta’ fjuri, li ħafna minnhom għandhom tifsira simbolika. It-tiżjin bi fjuri rrakkmati kien forma ta’ arti li ħarġet matul il-perjodu Barokk meta ornament rikk kien meqjus bħala forma ta’ adorazzjoni lejn l-Ewkaristija.

Mhux qed jintwerew.

Manuskritti Korali

Dawn il-manuskritti jmorru lura għal-parti bikrija tal-perjodu tal-Kavallieri f’Malta. Bla dubju, huma l-isbaħ manuskritti korali fuq il-gżira. Hemm tlett settijiet – kollha rigali ta’ diversi Gran Mastri.

Il-Gradwali ta’ L’Isle Adam

L-ikbar u l-iktar sett importanti jikkonsisti f’għaxar manuskritti orali illuminati. Ingħataw lill-knisja bħala rigal mill-Gran Mastru Philippe Villiers de L’Isle Adam li rrenja mill-1521 sal-1534. L-arma tiegħu spiss tidher fihom. Dan it-tip ta’ manuskritt korali jissejjaħ gradwal u jikkonsisti f’kant liturġiku għall-Quddiesa tal-Knisja Kattolika Rumana, magħmul biex  jakkumpanja l-quddies.

Kull manuskritt korali jinkludi illuminazzjonijiet impittra bl-idejn ta’ sbuħija eċċezzjonali, bil-folji tad-deheb bħala sfond li jżid mal-ġmiel tagħhom. Dawn il-minjaturi splendidi (kif jissejħu minħabba d-dettall li fihom) jirriflettu t-tendenza artistika ta’ dak iż-żmien.

L-Antifonarji ta’ Verdalle

Is-sett ta’ manuskritti korali, li fihom l-arma tal-Gran Mastru Verdalle jissejħu antifonarji, jinkludu l-partijiet kantati tal-uffizzju divin (it-taqsimiet mużikali wżati matul il-quddiesa ta’ kuljum, fid-diversi siegħat kanoniċi tal-ġurnata li ma jidhrux fi gradwal).

L-antifonarji ta’ Verdalle jammontaw għal sebgħa b’kollox u fihom l-Ispeċifiċi u l-Komuni tal-qaddisin. Kollha huma magħmulin mill-parċmina u għandhom diversi inizjali illuminati.

L-Antifonarji ta’ Antoine de Paule

Il-kollezzjoni tal-Gran Mastru Antoine de Paule tikkonsisti f’żewġ manuskritti tal-parċmina. Huma antifonarji għaċ-ċiklu temporali tas-sena tal-knisja.

Mhux qed jintwerew.

Ir-Relikwarju ta’ Id San Ġwann il-Battista

Dan ir-relikwarju indurat kien magħmul biex iżomm ir-relikwa tal-id ta’ San Ġwann il-Battista. Kienet relikwa mill-aktar prezzjuża għall-Ordni għax din kienet l-id li għammdet lil Kristu fix-xmara Ġordan.

L-ostensorju kien ikkummissjonat fl-1686 mill-Gran Mastru Taljan Gregorio Carafa. Huwa magħmul mill-bronż u indurat bid-deheb b’ornamenti tal-fidda u kien immudellat f’Ruma minn Ciro Ferri, skultur li l-istil tiegħu kien influwenzat mill-espressjoni barokka għolja prevalenti.

Id-disinn jikkonsisti f’ċilindriku battal akkumpanjat minn żewġ anġli. Qed tintrefa’ minn żewġ kerubini fuq pedestall/frontun imżejjen bil-weraq tal-fidda tal-ħannewija. L-arma tal-Gran Mastru tidher b’mod prominenti murija bejn żewġ festuni tar-rand. Ir-relikwarju kien oriġinarjament imqiegħed fuq l-altar tal-oratorju.

Mhux qed jintwera

Kristu s-Salvatur

Ix-xbieha tal-bronż ta’ Ġesù Kristu kienet ikkummissjonata lil Alessandro Algardi, skultur Bologniż li kien jaħdem Ruma, għas-spejjeż tal-Kavallier Fra Alessandro Zambeccari.

L-istatwa tmur lura għall-1639 u kienet oriġinarjament installata f’niċċa kbira għalija waħedha fil-Port il-Kbir ta’ Malta.

Oriġinarjament l-iskultura tal-bronż kienet ikbar u Kristu kellu globu f’id waħda u kellu l-id l-oħra mtella’ biex ibierek lil dawk li jaslu u jitilqu mill-Port il-Kbir. Fis-seklu tmintax, l-iskultura ġiet immodifikata u mqiegħda fuq il-fruntun ta’ kappella mal-moll. Din il-kappella kienet iddedikata lis-Salvatur u kellha parlatorio tal-kwarantina konness direttament ma’ tarf ix-xatt permezz ta’ passaġġ imħaffer, għall-użu tal- baħħara li jservu l-perjodu ta’ kwarantina tagħhom abbord il-vapuri. Deskritta minn Ferris bħala bellissima scoltura in bronzo ed alto rilievo, l-iskultura wara ġiet imqiegħda fuq il-faċċata tal-knisja ta’ San Ġwann.

Mhux qed tintwera.