web map floor plan

1. Id-Daħla minn Triq ir-Repubblika

Il-viżitaturi jistgħu jidħlu fil-knisja u l-mużew minn din id-daħla mit-triq ewlenija tal-Belt Valletta, Triq ir-Repubblika. Hawnhekk jinsab l-uffiċċju tal-biljetti u ssibu l-istaff lesti li jagħtukom għajnuna.

2. Il-kappella tal-Lingwa Anglo-Bavarja

Il-kappella assenjata lill-Lingwa Anglo-Bavarja kienet oriġinarjament il-kappella fejn kienu jinżammu r-relikwi qaddisa tal-Ordni. Ir-relikwi kienu ttieħdu fis-sagristija minħabba l-umdità f’din il-kappella. Il-kwadru titulari jirrappreżenta l-Kardinal Arċisqof ta’ Milan San Carlo Borromeo, ir-riformatur magħruf tal-fidi Kattolika li qed jiġi ppreżentat lill-Verġni Marija.

It-tisbiħ tal-kappella beda fis-snin bikrin tas-seklu sbatax minn Fra Raymundo de Vere, marixxall ta’ Majorca li ħalla fondi għall-kappella fit-testment tiegħu tal-1598. Il-freġju fih skrizzjoni tad-donazzjoni tiegħu u l-arma tiegħu twaħħlet fuq il-gwarniċun. Il-kanċell tal-bronż mwaħħal fuq il-balavostri tal-irħam kien jagħmel parti mill-Kappella ta’ Philermos. Tqiegħed f’din il-kappella meta minfloku twaħħal l-kanċell tal-fidda.

Il-paraventi ornamentali kienu mfassla biex iżommu żewġ kaxxetti rari li fihom relikwi ta’ qaddisin. L-altar tpoġġa fl-1739 u huwa tipiku tal-istil barokk lejn l-aħħar tiegħu. Ir-relikwi kollha ta’ San Klement, ir-rigal ta’ Fra Vincenzo Rospigliosi fl-1669, tpoġġew fil-mejda tal-altar. L-altar għandu wkoll kurċifiss tal-bronż indurat li ħareġ mill-atelier ta’ Alessandro Algardi, skultur Ruman rinomat.

Il-kappella fiha biss lapida waħda li tappartjeni lil Fra François Collongue de Foresta li miet fl-1687.

3. Il-kappella tal-Lingwa ta’ Provence

 Il-Kappella tal-Lingwa ta’ Provence hija ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Il-paraventu ornamentali tal-altar tal-ġebel jmur lura għad-deċenju tal-1640  u huwa fost l-ewwel altari li tpoġġew fil-knisja. Id-disinn tiegħu huwa tipiku tal-Barokk tal-bidu tas-seklu sbatax. Il-paraventu ornamentali tal-ġebel indurat jikkonsisti f’żewġ kolonni mibrumin imqiegħda fuq kull naħa tal-altar, simili għall-kolonni Solomoniċi ta’ Bernini ddisinjati għall-baldakkin fil-Bażilika ta’ San Pietru fid-deċenju tal-1630. Il-kwadru titulari jirrappreżenta lil San Mikiel Arkanġlu li turi l-ikonografija ġdida mogħtija lill-Qaddis wara r-Riforma Kattolika. Il-pittura mwaħħla fil-lunetta tirrappreżenta id-Dehra ta’ San Mikiel fuq il-Muntanja Gargano.

Il-monumenti funebri fi ħdan din il-kappella huma tal-Gran Mastru Antoine de Paule li rrenja mill-1623 sal-1636 u tal-Gran Mastru Jean Lascaris Castellar li rrenja mill-1636 sal-1657. L-arma tal-Gran Mastru La Cassière tidher fiċ-ċentru tal-koppla filwaqt li kuruna imperjali akkumpanjata bi fjurdulis isservi bħala simbolu tal-kavallieri Franċiżi tal-Lingwa ta’ Provence.

4. Il-kappella tal-Lingwa ta’ Franza

Il-kappella hija ddedikata lil San Pawl Appostlu. Din il-kappella għaddiet minn tisbiħ għall-ewwel darba matul ir-renju tal-Gran Mastru Franċiż Alof de Wignacourt fl-1614 kif iddikjarat fil-freġju taħt il-gwarniċun. Matul l-1663 u l-1668 sar it-tinqix tal-ħitan u tpoġġa altar ġdid. Il-kwadru titulari ta’ Mattia Preti juri Il-Konverżjoni ta’ San Pawl; ġie ikkummissjonat dan ix-xogħol fl-1668. Il-pitturi mwaħħlin fil-lunetti jirrappreżentaw In-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Pawl f’Ruma ta’ artist anonimu. Il-kappella kienet imnaqqxa u ndurata b’mod rikk b’motifi tal-fjurdulis, is-simbolu tal-Kuruna Franċiża.

Fl-1838 il-kappella reġgħet ġiet imżejna matul moviment li kellu l-għan li jirriforma l-arti Kristjana. It-tinqix tal-ħitan ġie ssimplifikat biex fost il-fjurdulis, tiddaħħal kuruna sempliċi u s-salib tat-tmien ponot. L-altar ġie sostitwit b’verżjoni eleganti sempliċi tal-irħam abjad. Il-kappella għandha erba’ monumenti funebri li huma tal-Viskonti ta’ Beaujolais, ħu r-Re Louis Philippe ta’ Franza, tal-Gran Mastru Adrien de Wignacourt, tal-Gran Mastru Fra Emmanuel de Rohan u tal-Markiż de Wignacourt.

5. Il-kappella tal-Lingwa tal-Italja

Il-kappella tal-Lingwa tal-Italja kienet iddedikata lil Santa Katerina ta’ Alessandrija, il-qaddisa patruna tal-kavallieri Taljani. It-tisbiħ tal-kappella sar għas-spejjeż personali ta’ Fra Francesco Sylos li kien ambaxxatur tal-Viċirè ta’ Sqallija u kmandant ta’ Palermo u Agrigento. Il-ħitan ġew imżejna b’kuruni maġisterjali u kuruni imperjali alternattivament, is-salib tat-tmien ponot tal-Ordni u l-ajkla b’żewġt irjus bħala simbolu tal-Imqaddes Imperu Ruman u l-monogramma RC bħala simboli tal-ġenerożita’ tar-renju tal-Gran Mastru Raphael Cotoner. L-altar u l-paraventu ornamentali nbnew fl-1733 u ġew iddisinjati minn Romano Carapecchia (1666-1738). Ir-relikwi ta’ Santa Euphemia ta’ Kalċidonja jinżammu f’dan l-artal. L-istatwi ta’ Santa Katerina u ta’ Santa Alessandra qegħdin fuq mensuli kbar imremblin fuq iż-żewġ naħat tal-altar.

Il-kwadru titulari juri iż-Żwieġ Mistiku ta’ Santa Katerina u huwa xogħol ta’ Mattia Preti ta’ madwar l-1670. Il-pitturi fil-lunetti huma xogħlijiet ta’ nofs is-seklu sbatax u juru lil Santa Katerina tiddisputa mal-Filosfi u Il-Martirju ta’ Santa Katerina, ta’ artist anonimu. Il-pitturi laterali mdendlin taħt il-lunetti juru Il-Maddalena Niedma ta’ artist anonimu; San Ġilormu ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio kienet il-pittura l-oħra li oriġinarjament kienet imdendla faċċata. Dawn iż-żewġ pitturi kienu parti mill-kollezzjoni proprjetà ta’ Fra Ippolito Malaspina, membru importanti tal-Ordni, li ħallihom lill-knisja ta’ San Ġwann wara mewtu fl-1624. Il-pittura oriġinali li turi lil San Ġilormu hija ppreservata fl-oratorju.

6. Il-Passaġġ

Il-Kuritur jieħu l-viżitaturi mid-daħla ta’ Triq ir-Repubblika għan-nava prinċipali.

7. Il-kappella tal-Lingwa tal-Ġermanja

Il-Lingwa tal-Ġermanja kienet tinkludi l-monasteri tal-Awstrija, in-Norveġja, l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Iżvizzera, il-Polonja, l-Ungerija, l-Alsace u n-Netherlands. It-tisbiħ ta’ din il-kappella beda fl-1664 bit-tinqix kumpless tal-ħitan bl-ajkla b’żewġt irjus li ġiet adottata mil-Lingwa Ġermaniża.

Il-benefatturi ta’ din il-kappella jinkludu lil Fra Christian von Osterhausen li beda d-dekorazzjoni tal-kappella, il-Baruni Fra Wolfgang von Guttenberg u Fra Francis de Sonnemberg, Prijur tal-Ungerija. L-armi tal-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful u tal-Arċisqof Prinċep ta’ Salzburg John Ernest von Thun huma wkoll imnaqqxa fil-ħitan.

8. Il-Passaġġ lejn is-sagristija

Dan il-Passaġġ iwassal għas-sagristija min-nava prinċipali

9. Is-Sagristija

Is-sagristija prinċipali ta’ San Ġwann kienet oriġinarjament mibnija fl-1598 filwaqt li s-Sagristija ġiet irrinovata fuq ġewwa fl-1758 bħala rigal tal-Gran Mastru Pinto (1741-1773).

10. In-Nava Ewlenija

In-nava rettangolari pjuttost imdaqqsa hija imsaqqfa bi ħnejja grandjuża forma ta’ bittija mirfuda bil-kappelli tal-ġenb fuq kull naħa. Għal bosta snin, kienet mgħammra b’mod sempliċi li jaqbel mal-faċċata li naraw illum. Iżda matul il-qawma tal-Kontro Riforma l-intern kien imsebbaħ bl-istil barokk prevalenti tas-seklu sbatax. Il-karattru estremament elaborat u dimostrattiv ipprovda biżżejjed materjal għal dan. Proġetti importanti ta’ tisbiħ twettqu matul it-tieni nofs tas-seklu matul ir-renju tal-Gran Mastru Nicholas Cotoner li ħeġġeġ it-tisbiħ tal-knisja. Il-kappelli tal-ġnub ġew assenjati lid-diversi Lingwi skont l-anzjanità. L-entużjażmu tal-kavallieri biex isebbħu l-kappelli tagħhom wassal għat-trasformazzjoni tal-kappelli f’eżempju uniku tal-arti Barokka.

Il-programm vast ta’ tisbiħ wassal sabiex għadd sinifikanti ta’ opri tal-arti inġabu fil-knisja. Il-Gran Mastri kollha kienu kburin bil-knisja konventwali tagħhom u taw rigali ta’ valur għoli lil-knisja. Bosta armi li jappartjenu lill-membri aristokratiċi tal-Ordni ta’ San Ġwann jidhru biex juru l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Wara d-dekorazzjoni tal-ħnejja, l-aktar bidla importanti li ttrasformat il-knisja f’sinfonija ta’ meravilji Barokki, kienet it-tinqix tal-ħitan. Il-ħitan sempliċi tan-nava u l-kappelli ġew imnaqqxin b’motifi elaborati, karatteristiċi ta’ tiżjin barokk, li ttrasformaw il-ħitan f’wirja impressjonanti u varjata ta’ weraq, fjuri, anġli u simboli trijonfali ta’ kull tip, indurati b’mod rikk. Il-pilastri li jirfdu n-nava ċentrali ġew miksija b’irħam aħdar mill-ifjen u fil-parti ta’ fuq tidher l-arma tal-Gran Mastru Nicholas Cotoner. 

11. Is-Santwarju u l-Altar Maġġur

Dan huwa l-punt prinċipali tal-knisja peress li hawn jinsab l-altar maġġur. Ġie mogħni b’diversi rigali kemm minn Gran Mastri kif ukoll minn kavallierii. Is-Santwarju kien għadda minn bidliet skont ir-riformi liturġiċi Tridentini, bħal meta l-altar maġġur ġie mgħolli sabiex ikun jidher mill-kongregazzjoni kollha. Fl-1703 l-apsidi ġiet mgħammra b’figuri kbar tal-irħam li juru l-Magħmudija ta’ Kristu minn San Ġwann il-Battista. Dan huwa xogħol tal-iskultur Taljan Giuseppe Mazzuoli. L-altar maġġur fiċ-ċentru tas-santwarju huwa kapulavur ta’ irħamijiet rari u kien rigal tal-Gran Mastru Carafa fl-1685. Il-freġju li jaqsam l-altar minn tarf għall-ieħor jikkonsisti fis-simboli tal-erba’ Evanġelisti u l-imfietaħ bħala attributi ta’ San Pietru u l-kodiċi u x-xabla attributi ta’ San Pawl. Il-motif ċentrali juri l-Aħħar Ċena magħmula kollha minn bronż indurat fuq sfond ta’ lapis lazzuli.

Il-lampier tal-fidda tas-Santwarju huwa oġġett rari u kien rigal ta’ Fra Vincenzo Rospigliosi fl-1669. Id-disinn estremament elaborat huwa xempju tal-istil barokk u tal-ġid li kellhom il-kavallieri matul is-seklu sbatax. 

12. Il-kappella tal-Madonna ta’ Philermos

L-ewwel kappella fuq in-naħa tan-nofsinhar tal-knisja kienet iddedikata lill-Verġni Marija u kienet l-ewwel waħda li ngħatat devozzjoni partikolari. Il-kappella ospitat l-ikona tal-Verġni ta’ Philermos li l-kavallieri kienu ġabu magħhom minn Rodi. L-ikona kienet meqjusa bħala mirakuluża u kienet tiġbed devozzjoni kbira speċjalment qabel xi battalja meta l-kavallieri kienu jiltaqgħu u jitolbu għall-interċessjoni tal-Verġni Marija. Meta kienu jiġu lura rebbieħa, kienu jerġgħu jinġabru fil-kappella u jiżżuha ħajr u jippreżentaw l-imfietaħ tal-fortizzi mirbuħa lill-Verġni. L-imfietaħ tal-fortizzi ta’ Lepanto, Passava, Hammet u Patras għadhom fil-kappella. Meta t-truppi ta’ Napuljun ħadu lil Malta f’idejhom fl-1798, il-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch ħalla l-gżira u ħa l-ikona miegħu. L-ikona ttieħdet lejn San Pietruburgu, iżda l-post fejn kienet baqa’ mhux magħruf għal bosta għexieren ta’ snin sakemm imbagħad instabet mill-ġdid fil-Montenegro u issa hija esibita fil-Mużew tal-Arti tagħhom.

L-ikona li attwalment qiegħda fil-kappella turi lill-Verġni ta’ Lanciano magħrufa bħala l-Verġni ta’ Carafa. L-ikona hija miżmuma f’paraventu ornamentali ta’ rħamijiet prezzjużi mwaħħla matul ir-renju tal-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar li l-arma tiegħu tidher fuq l-altar. Is-santwarju ta’ ġewwa huwa magħluq b’kanċell tal-fidda li twaħħal fl-1752. Il-ħitan ġew imnaqqxa fi stadji differenti bejn l-1645 u l-1660 b’motifi ta’ tifsira simbolika rikka, li ħafna minnhom huma attributi tal-Immakulata Kunċizzjoni u titli oħra tal-Verġni Marija. Fost il-benefatturi hemm kavallieri prominenti fosthom Fra Tommaso Hozzes u Fra Flaminio Balbiano. 

13. Il-kappella tal-Lingwa ta’ Auvergne

Il-kappella tal-Lingwa ta’ Auvergne kienet iddedikata lil San Sebastjan u l-kwadru titulari jsegwi din id-dedika. L-artist mhux magħruf, u l-pittura turi artist interessat f’taħlita tat-tradizzjoni manjerista u l-chiaroscuro ta’ Caravaggio. Il-pitturi tal-lunetti juru xeni mill-ħajja ta’ San Sebastjan. Il-paraventu ornamentali bil-kolonni spirali tiegħu jifforma parti mill-istallazzjonijiet bikrija fil-knisja magħmula fl-ewwel deċennji tas-seklu sbatax.

Il-ħitan tal-kappella huma mnaqqxa b’girlandi ta’ fjuri li jissimbolizzaw il-prosperità li kienet tgawdi l-Ordni. Id-denfil inkurunat huwa s-simbolu tal-Lingwa ta’ Auvergne. It-tisbiħ tal-kappella sar mill-benefattur Fra Jean de la Baume de Foursat. L-iskrizzjoni fuq il-freġju li tmur lura għall-1667 tagħti xhieda tad-dedikazzjoni tiegħu għal din il-kappella.

L-uniku Gran Mastru midfun f’din il-kappella huwa Fra Annet de Clermont de Chattes Gessan li huwa mfakkar għall-virtujiet militari tiegħu waqt diversi battalji mat-Torok.

14. Il-kappella tal-Lingwa ta’ Aragona

Il-Lingwa ta’ Aragona kienet tinkludi l-prijorati ta’ Katalunja u Navarra u kienet iddedikata lil San Ġorġ. Hija waħda mill-kappelli l-aktar imżejna b’mod rikk fil-knisja. Il-kwadru titulari f’din il-kappella jirrappreżenta lil San Ġorġ fuq Dahar iż-Żiemel li huwa xogħol ta’ Mattia Preti. Il-pitturi laterali li jirrapreżentaw lil San Franġisk Saverju u San Firmin u l-pitturi ġewwa l-lunetti li juru lil San Lawrenz qed jiltaqa’ mal-Papa Sistu II fi triqtu lejn il-Martirju u il-Martirju ta’ San Lawrenz huma wkoll xogħlijiet ta’ Preti. L-altar tal-irħam u madwaru ġie iddisinjat mill-ġdid fis-seklu tmintax matul ir-renju tal-Gran Mastru Ramon Despuig. L-effiġja tiegħu tidher fil-bażi tal-kolonni tal-irħam.

Hemm erba’ Gran Mastri midfuna f’din il-kappella. Il-monumenti funebri qrib l-altar huma tal-Gran Mastru Martin de Redin li rrenja mill-1657 sal-1660 u tal-Gran Mastru Raphael Cotoner li rrenja mill-1660 sal-1663. Il-Gran Mastru Raphael Cotoner ġie sostitwit minn ħuh Nicholas li l-monument tiegħu jinsab ukoll fil-kappella. Il-monument l-ieħor jappartjeni lill-Gran Mastru Perellos Y Roccaful li rrenja mill-1697 sal-1720.

Il-kappella rċeviet relikwi importanti miġjuba f’Malta mill-kavallieri. Fosthom hemm id-driegħ ta’ San Ġorġ, id-driegħ ta’ San Vinċenz Ferreri, relikwa tas-salib u l-ġisem kollu ta’ San Fidele, martri, li huwa ppreservat fl-altar tal-kappella.

15. Il-Passaġġ għall-Ħanut tal-Kotba

Aktar lapidi tal-irħam jinstabu fil-passaġġ għall-ħanut tal-kotba. Fost id-diversi personalitajiet imfakkra f’din il-parti insibu l-iktar lapidi qodma tal-irħam f’San Ġwann; dik ta’ Fra Jacques de Virieu-Pupetières li miet fl-1608.

16. Il-kappella tal-Lingwa ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall

Il-Kappella tal-Lingwa ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall hija ddedikata lill-qaddis patrun ta’ Spanja, San Ġakbu. It-tinqix tal-ħajt u l-induratura ġew ikkummissjonati fl-1661. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta’ Mattia Preti u juri lil San Ġakbu il-Kbir. Il-paletta ristretta li tikkonsisti prinċiparjament f’kuluri ta’ lewn il-ħamrija u s-sengħa eċċellenti tad-disinjatur jagħmluha kapulavur tal-arti barokka. Il-pitturi tal-lunetti juru lil San Ġakbu jegħleb il-Mori u San Ġakbu u l-Verġni tal-Pilar u San Ġakbu il-Kbir. Dawn huma wkoll xogħlijiet ta’ Mattia Preti.

Hemm żewġ Gran Mastri midfuna f’din il-kappella. Qrib l-altar hemm il-monument funebru tal-Gran Mastru Portugiż Anton Manoel de Vilhena li rrenja bejn l-1722 u l-1736. Dan huwa xogħol tal-iskultur Fjorentin Massimiliano Soldani Benzi. Il-monument l-ieħor ifakkar il-Gran Mastru Pinto de Fonseca li rrenja mill-1742 sal-1773.

17. Il-Passaġġ lejn l-Oratorju

Dan il-passaġġ iwassal min-nava prinċipali għall-oratorju.

18. L-Oratorju

L-oratorju jikkonsisti fi struttura rettangolari kbira mibnija bejn l-1602 u l-1605 matul ir-renju tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Il-kamra kienet iddedikata lill-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista u serviet bħala post ta’ devozzjoni għan-novizzi. L-oratorju kien intuża wkoll mill-Confraternità della Misericordia. Fl-1607 Michelangelo Merisi da Caravaggio ġie kkummissjonat ipitter il-kwadru titulari li juri L-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista. Kapulavur ieħor ta’ Caravaggio, San Ġilormu qed Jikteb huwa wkoll esibit fl-oratorju. Għal ħafna snin, il-konfigurazzjoni tal-kamra baqgħet sempliċi u mingħajr tiżjin ħlief għall-pittura ta’ Caravaggio. It-tiżjin preżenti sar bejn l-1679 u l-1690 u kien jikkonsisti fit-tinqix indurat tal-ħnejja u l-arkata fl-apsidi, is-suffett tal-injam indurat ta’ stil Venezjan bi tlett xeni mill-Passjoni ta’ Kristu mdaħħla f’dan  il-qafas. Il-pannelli l-aktar baxxi fil-ħnejja juru tnejn mill-fundaturi tal-Ordni waqt li pitturi ta’ tmien qaddisin oħra jżejnu l-ħitan tal-ġnub. Il-pitturi huma xogħol ta’ Mattia Preti. Matul dan il-perjodu tpoġġa ukoll l-altar, mogħti mill-Gran Mastru Carafa mgħammar b’tondo tal-bronż indurat ta’ Ciro Ferri li juri l-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann. Xogħlijiet oħra tal-arti li huma notevoli fl-oratorju huma r-ras tal-irħam skolpita ta’ San Ġwann il-Battista assoċjata mal-iskultur Franċiż Pierre Puget u orgni rari tas-seklu sittax li jinstab fil-gallarija. Il-balavostrar tal-irħam intarsjat imżejjen b’mod kumpless u l-kisi bl-irħam tal-intern sar bejn l-1740 u l-1750.