Dwar il-Kavallieri – L-Istorja ta’ Ordni Sovrana

L-Ordni tal-Kavallieri Ospitaljeri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi, u ta’ Malta, magħrufa wkoll bħala l-Kavallieri ta’ Malta, hija ordni reliġjuża Kattoliku Rumana. Din twaqqfet mill-Kavallieri Ospitaljeri f’Ġerusalemm mill-Beatu Gerard. Hija l-eqdem ordni li għadha teżisti fid-dinja, magħrufa għall-karattru militari u kavalleresk tagħha.

L-oriġini tmur lura għal madwar l-1048 meta twaqqaf sptar minn negozjanti li kienu mid-Dukat ta’ Amalfi biex jipprovdu kenn u kura lill-pellegrini sejrin lejn l-Art Imqaddsa. L-ospizju twaqqaf flimkien mal-monasteru ta’ San Ġwann il-Battista u kienu jservu fih membri tal-ordni Benedittina.

Fl-1113 il-fundazzjoni tal-ordni ġiet approvata formalment mill-Papa Paschal II, u permezz tas-Siġill Papali tpoġġiet taħt il-protezzjoni tas-Santa Sede. L-Ordni ngħatat d-dritt li tagħżel is-superjuri tagħha mingħajr indħil minn awtoritajiet sekulari jew reliġjużi oħrajn. Il-membri tal-Ordni, hekk imsejħa kavallieri, kienu marbuta bi tlett voti monastiċi ta’ faqar, kastità u ubbidjenza. Matul il-kruċjati kienu obbligati jipproteġu lill-pellegrini u b’hekk żiedu rwol militari mal-missjoni ospitaljera.

Wara li l-Kruċjati tilfu l-kontroll tal-belt ta’ Acre fl-1291, l-Ordni mxiet lejn Ċipru. Sal-1310 il-Gran Mastru Fulkes de Villaret kien ħa l-Ordni lejn il-gżira ta’ Rodi. Peress li kellha r-responsabbiltà li tiddefendi d-dinja Kristjana, l-Ordni malajr saret flotta navali b’saħħitha u setgħana. Hija għasset ir-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran u tqabdet kontra kwalunkwe theddida minn pirati Barbari u mill-forzi Ottomani. Il-kavallieri tal-Ordni tqassmu skont ir-reġjuni minn fejn ġew, magħrufa bħala ‘Lingwi’. Is-seba’ Lingwi oriġinali kienu Provence, Franza, Auvergne, l-Italja, Aragona inkluż Navarra, l-Ingilterra inkluż l-Iskozja u l-Irlanda, u l-Ġermanja. Fl-1492 meta ġie ffurmat ir-renju ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall, twaqqfet lingwa separata bħala t-tmien Lingwa. Kull Lingwa kellha l-Prijuri, l-Uffiċjali Ġudizzjarji u l-Kmandanti tagħha. L-Ordni kienet immexxija mill-Gran Mastru u mill-Kunsill u kienet tistampa l-flus tagħha stess. Sadattant kienet diġa’ adottat s-salib ta’ tmien ponot li għadu s-simbolu li bih tingħaraf. Jingħad li l-Ordni tirrappreżenta t-tmien Lingwi u t-tmien beatitudnijiet tal-Priedka fuq il-Muntanja.

Fl-1522, Rodi ġiet attakkata mill-Armata Ottomana ta’ Sulejman il-Manifiku u wara li tqabdet għal diversi xhur, Rodi ċediet l-armi u l-Gran Mastru Philippe Villiers de L’Isle-Adam u l-kavallieri telqu minn Rodi. L-Ordni qattgħet seba’ snin iddur minn post għall-ieħor madwar l-Ewropa sakemm, fl-1530, l-Imperatur tal-Imqaddes Imperu Ruman, ir-Re Karlu V ta’ Spanja ta l-gżira ta’ Malta lill-Ordni, għal falkun bħala kumpens annwali. Il-Kavallieri kienu rġiel nobbli mill- aktar familji importanti tal-Ewropa, u l-missjoni tagħhom kienet li jipproteġu l-fidi Kattolika.

Il-kavallieri stabbilixxew ruħhom fil-belt tal-Birgu, saħħew id-difiżi tal-belt u bnew bini ġdid biex iservi bħala l-uffiċċji amministrattivi tagħhom u apparti minn hekk bnew il-fortizza antika Castrum Maris mill-ġdid u semmewha l-Forti Sant’Anġlu. Mill-bażi navali l-ġdida tagħhom il-Kavallieri malajr urew li għal darb’oħra kienu ta’ sfida għall-Ottomani. Ma tantx kien għadda żmien sa ma’ Sulejman ippjana li jinvadi l-gżira u jeqred il-flotta tal-kavallieri. Fl-1565, l-Armata Ottomana attakkat lil Malta, fi gwerra li damet tlett xhur. Taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Jean Parisot de Valette, ir-rebħa ġiet aċċertata. Din il-battalja famuża hija magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir.

Wara l-Assedju l-Kbir, il-Kavallieri kienu determinati li jidblu lil Malta f’fortizza li kienet tixraq lil Ordni militari b’belt kapital denja tal-Ordni li issa saret famuża. L-ewwel ġebla tqiegħdet minn de Valette, għal-belt ġdida li kellha ġġib ismu.

Il-Gran Mastri sussegwenti investew fil-belt, u l-flotta saret waħda mill-aktar b’saħħitha fir-reġjun tal-Mediterran. L-Ordni wasslet għar-rebħa fuq l-Ottomani fil-battalja ta’ Lepanto fl-1571 li kienet rebħa straordinarja għall-Kristjaneżmu. L-Ordni baqa’ jkollha preżenza qawwija fl-Ewropa permezz tal-konnessjonijiet tal-Kavallieri mal-monarki Ewropej u s-Santa Sede.

Wara mitejn sena, l-Ordni ċediet l-Gżejjer Maltin fl-1798 lit-truppi Franċiżi taħt Napuljun u sussegwentement il-kavallieri tkeċċew mill-gżira. Wara li qagħdet f’diversi bliet Taljani, l-Ordni stabbilixxiet ruħha f’Ruma u llum hija magħrufa bħala l-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta.

Is-Salib tat-Tmien Ponot

Is-salib tat-tmien ponot, aktar tard magħruf bħala s-salib Malti, kien jintlibes fuq tonka monastika sewda tal-Kavallieri Ospitaljeri bħala simbolu tal-kruċifissjoni ta’ Ġesù. F’Malta s-salib ħa l-forma li naraw illum. Jingħad ll l-erba’ fergħat tas-salib jirrappreżentaw l-erba’ virtujiet kardinali: l-għaqal, il-ġustizzja, it-temperanza u l-fortitudni, filwaqt li t-8 ponot jirrappreżentaw il-Beatitudnijiet, il-kwalitajiet mogħtija minn Ġesù fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja u li huma mniżżla fl-Evanġelju ta’ Mattew.