Bi pjaċir inħabbru li s-Surmast Christopher Muscat għadu kif inħatar Maestro di Cappella tal-Katidral Metropolitan, mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Fost ix-xogħol tiegħu is-Surmast se jagħti s-servizz tiegħu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, Il-Belt Valletta billi jipprepara u jidderieġi l-mużika u l-kor matul iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha. Is-Surmast għandu wkoll l-irwol li jippromovi l-mużika liturġika fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Maestro Muscat huwa wkoll kompożitur u direttur, u involut fil-mużika sagra sa minn eta’ bikrija, gradwat b’Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Mużika mill-Università ta’ Malta u kiseb il-lawrja ta’ Master fil-Mużika mill-Università ta’ Surrey. Muscat ilu jmexxi l-Kor Jubilate Deo tan-Naxxar sa mill-2004 li issa se jkun ukoll il-kor residenti tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u tal-Arċidjoċesi.

Christopher Muscat huwa miżżewweġ lis-Sinjura Caroline Muscat u għandhom tifel, Luke.

Nawguraw ħidma fejjieda fil-qasam tal-mużika liturġika fi ħdan il-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Ritratt/Stqarrija: Uffiċċju Komunikazzjoni, Il-Kurja